Mr. Frank Zarb: Messagg lis-supporters

by Mr. Frank Zarb - President Birkirkara FC - 22nd August 2019

Għeżież supporters,

Għada nagħtu bidu għal istagun 2019-2020 b'mod uffiċjali, bl-ewwel lobgħa tal-kampjonat li fih tibda l-ħidma biex nilħqu l-objettivi tagħna għal dan l-istaġun.

Wara stagun diżappuntanti, kienet responsabilta tiegħi u tal-membri kollha tal-kumitat li nagħmlu dak kollu possibli biex nibnu skwadra kompettitiva kemm jista' jkun.

L-ewwel biċċa xogħol fil-bidu tas-sajf kienet li nikkonfermaw il-membri li ħa jassistu lil Coach John Buttigieg. B'sodisfazzjon ngħid li kull membru fil-coaching staff tagħna kien diġa' jifforma parti mil-iskwadra jew mit-technical staff tagħna fil-passat.

Nħossni sodisfatt immens bl-akkwisti li saru u nixtieq nirringrazzja lil membri tal-kumitat tas-support kollu tagħhom kif ukoll lil membri inkarigati tal-ħidma importanti tagħhom fl-akkwisti li saru. Kif stajtu tosservaw, din is-sena l-maġġoranza tal-għażla tal-barranin kienet waħda partikolari, għaliex morna għal barranin li diġa' urew l-potenzjal tagħhom ġol-kampjonat Malti.

Flimkien mal-barranin ta' kwalita, akkwistajna players Maltin, uħud minnhom żgħażagħ u oħrajn esperjenzati biex flimkien ma' Maltin li kkonfermajna jew ġeddew il-kuntratt tagħhom, nipprovaw li fl-iskwadra tagħna jkollna kull element meħtieġ.

Kif tafu tajjeb, fil-futbol mhux kollox ward u żahar. Fl-aħħar jiem għamiltu kuntatt miegħi dwar it-trasferiment t'Ayrton Attard. Nħoss li huwa dover tiegħi li nispjega li jien għamilt dak kollu possibli biex dan il-prodott tal-Akkademija tagħna jibqa' mal-club tagħna u qatt ma kienet l-intenzjoni tiegħi li jiġi trasferit.

Għalkemm għamilt dak kollu possibli, kienet id-deċizjoni tiegħu li jfittex opportunitajiet ġodda fil-karriera tiegħu u minn qalbi nawguralu dak kollu li qed ifittex mal-club ġdid tiegħu.

Nikkonkludi dan il-messaġġ biex nirringrazzja lis-supporters kollha tas-support kollu f'dawn l-aħħar xhur. Grazzi min qalbi għaliex intom tassew tinkorraġuni biex nkompli naħdem. Fil-jiem li ġejjien ħa nkunu qed nippubklikaw id-data tal-ewwel laqgħa mas-supporters għaliex kif wegħdtkom nixtieq li din is-sena jkolli kuntatt kontinwu magħkom s-supporters.

Frank Zarb
President
Birkirkara FC

comments powered by Disqus
McDonald's Nike Intersport Mafimex Fort Fitness